Imut DJ Erick Morillo

Id-DJ magħruf Erick Morillo, magħruf għall-kanzunetta I Like To Move It tal-1993, miet fl-età ta’ 49 sena. Hu nstab mejjet fid-dar tiegħu fi Florida.

Rebbieħ ta’ tliet unuri tad-DJ Awards’ Best House u ta’ tliet unuri oħra ta’ Best International DJ, Morillo kien ukoll f’pajjiżna f’Awwissu tas-sena l-oħra meta kien daqq f’Tas-Sliema.

Hu nstab mejjet ilbieraħ, fil-jum tat-Tlieta u ċ-ċirkostanzi x’wasslu għall-mewt tiegħu għadhom mhux magħrufa. Nhar il-Ġimgħa huwa kellu jidher quddiem il-qorti fuq akkużi ta’ attakk sesswali fuq DJ mara li kienet qed taħdem miegħu waqt party privat f’Miami Island f’Diċembru tal-2019.