Imut dak responsabbli mill-mewt ta’ bint Whitney Houston

Fil-jum tal-ewwel tas-sena miet Nick Gordon fl-età ta’ 30 sena. Għalkemm mhux xi personalità magħrufa, hu kien fl-aħbarijiet sa mill-2012 meta kien rappurtat li kien f’relazzjoni ma’ Bobbi Kristina Brown, bint Whitney Houston, li kienet bdiet trabbih minn ftit tas-snin qabel wara li ommu kienet abbandunatu.

Whitney Houston qatt ma kienet addottatu legalment iżda kienet tqisu daqs wieħed minn tagħha. Meta fl-2012 Bobbi u Nick daħlu f’relazzjoni, in-nanna tagħha Cissy Houston, omm Whitney, kienet skandalizzat ruħha għax kienet tqis lil dawn bħala aħwa.

Nick kien il-persuna li kien qed jagħti lil Bobbi Kristina d-drogi li wasslu għall-mewt tagħha. Anki jekk ma qatilx lit-tfajla intenzjonalment, Nick kien inżamm responsabbli għall-mewt tagħha fl-2015.

Kien l-avukat ta’ Gordon li ħabbar il-mewt tiegħu, x’aktarx b’overdose ta’ drogi, u ddeskriva dak li seħħ bħala “tmiem traġiku għal ħajja mimlija nkwiet”.