Imut dak li ta aktar ħajja lil The Simpsons

J Michael Mendel kien ta aktar ħajja lil The Simpsons meta beda jipproduċi s-sensiela li bdiet fl-1989 li b’kollox s’issa kellha 662 episodju fi 30 staġun. L-idea ta’ The Simpsons kienet ta’ Matt Groening u Mendel beda jipproduċiha. Fil-fatt ipproduċa 207 episodju tas-sensiela li bis-saħħa tagħhom rebaħ Emmy fl-1995, fl-1997 u fl-1998.

Mendel miet nhar it-22 ta’ Settembru, jumejn biss qabel ma għalaq 55 sena. In-network televiżiv Adult Swim meta ħabbar mewtu semma li n-nuqqas tiegħu se jinħass mill-komunità kollha ta’ artisti, kittieba u dawk li joħolqu s-sensiliet għax matul il-karriera tiegħu għen lil kulmin kellu bżonn l-għajnuna tiegħu biex iwassal il-prodott t fuq l-iskrin.

The Simpsons kienu bdew bħala sketches qosra fil-programm The Tracy Ullman Show imma tant intogħġbu li nħass li setgħu jkunu suċċess jekk ikollhom programm għalihom. Fil-fatt hekk ġara u tant ilhom għaddejjin li li kieku wieħed kellu jara kull episodju jdum 202 siegħa u 24 minuta quddiem l-iskrin.

Mendel, wara li spiċċa minn The Simpsons, mar mal-kumpanija Roiland u beda jipproduċi s-sensiela Rick and Morty bejn l-2013 u l-2017 li għaliha rebaħ Emmy s-sena ta’ wara.