Diqa mill-Papa għall-mewt ta’ Charlie Gard

Il-Papa Franġisku esprima s-sogħba tiegħu għall-mewt ta' Charlie Gard wara li kien ilu kważi sena jissielet kontra marda rari.
Fuq twitter il-Papa kiteb li se jitlob għall-ġenituri tat-tifel. 
Charlie Gard twieled fl-4 ta’ Awwissu s-sena l-oħra u l-marda tiegħu għamlitu magħruf mad-dinja kollha.
Dan hekk kif fil-jiem li għaddew il-ġenituri tiegħu, Chris Gard u Connie Yates damu jissieltu mal-Qrati Ingliżi biex binhom iħalli l-isptar Great Ormond Street u jittieħed l-Istati Uniti għall-kura esperimentali.
Il-ġlieda tagħhom ġabet ir-reazzjoni tal-Papa Franġisku u tal-President Donald Trump li t-tnejn li huma riedu jgħinu lit-tarbija.
L-isptar tal-Papa fil-Vatikan kien offra li jieħu ħsieb Charlie Gard u b’hekk ikun evitat li l-isptar Great Ormond Street jitfi l-magni li qed iżommuh ħaj.
Il-Papa kien qal fuq Twitter “li tiddefendi l-ħajja umana, aktar u aktar meta midruba mill-mard, huwa impenn ta’ imħabba li Alla jafda ‘l kulħadd bih.”
L-isptar tat-tfal Bambino Gesù, magħruf bħala ‘L-isptar tal-Papa’ kien offra li jagħti kenn lit-tarbija ta’ għaxar xhur.
Min-naħa tagħhom il-Qrati Ingliżi qabblu mat-tobba tat-tarbija u żammewh l-isptar.
Il-ġenituri ċedew l-armi tagħhom nharit-Tnejn li għadda u waqqfu mill-kawża hekk kif tard wisq biex Charlie jingħata l-kura.
Huma talbu biex iħalluhom jieħdu t-tifel id-dar magħhom biex imut magħhom f'darhom iżda anke din ix-xewqa ġiet miċħuda mill-Qrati.
Min-naħa tagħha l-Prim Ministru Theresa May esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-mewta tat-tifel.

Minn xiex għaddew Charlie Gard u l-ġenituri tiegħu f'dawn l-aħħar xhur:

  • 3 ta' Marzu: L-Imħallef Francis beda janalizza u jisma’ l-każ tal-ġenituri ta’ Charlie Gard
  • 11 ta' April: L-Imħallef qal li t-tobba jistgħu jieqfu jagħtu t-trattament lit-tifel
  • 3 ta' Mejju: Il-ġenituri ta’ Charlie Gard appellaw mis-sentenza
  • 23 ta' Mejju: Il-Qorti tal-Appell bdiet tanalizza l-każ
  • 25 ta' Mejju: Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell tal-ġenituri
  • 8 ta' Ġunju: Il-ġenituri ta’ Charlie Gard tilfu l-battalja tagħhomfil-Qorti Suprema
  • 20 ta' Ġunju: Wara talba tal-ġenituri, imħallfin fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani bdew janalizzaw il-każ.
  • 27 ta' Ġunju: Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani tirrifjuta li tintervjeni
  • 3 ta' Lulju: Il-Papa Franġisku u l-President Donald Trump joffru l-għajnuna tagħhom
  • 4 ta' Lulju: L-isptar tat-tfal tal-Vatikan joffri li jieħu lit-tifel
  • 7 ta' Lulju: L-Isptar Great Ormond Street jitlob lill-Qorti biex terġa’ tisma’ l-każ
  • 10 ta' Lulju: Il-ġenituri ta’ Charlie Gard talbu lill-Imħallef biex jerġa’ jikkosidra evidenza ġdida
  • 17 ta' Lulju: Newrologu mill-Istati Uniti jmur Londra biex jeżamina lit-tifel
  • 21 ta' Lulju: L-avukat tal-Isptar Great Ormond Street qal li r-riżultati tat-tifel huma negattivi u ta’ swied il-qalb.
  • 22 ta' Lulju: L-isptar Great Ormond Street qal li t-tobba u infermiera tiegħu qed isofru minn abbuż u qed jirċievu messaġġi ta’ thedid
  • 24 ta' Lulju: Il-ġenituri ta’ Charlie ħabbru li se jirtiraw mill-batalja legali biex jieħdu t-tifel għat-trattament u se jħalluh imut
  • 26 ta' Lulju: Ingħatat deadline  biex il-ġenituri ta’Charlie Gard u l-Isptar Great Ormond Street jaqblu meta u kif imut it-tifel
  • 27 ta' Lulju: L-Imħallef Francis ordna li Charlie Gard jittieħed f’hospice u jittneħewlu l-magni.
  • 28 ta' Lulju: Charlie Gard imut