Imut Charles Miceli: l-attivista kontra l-faqar

Charles Miceli, attivist kbir kontra l-faqar miet fl-età ta’ 68 sena.
Miceli kien ġurnalist mal-Union Print, u għal tul ta’ snin ħadem fis-settur tar-rijabilitazzjoni tad-droga mal-organizzazzjoni tal-Knisja, il-Caritas.
Għal tul ta’ żmien, Miceli kien jifforma parti mill-Alleanza kontra l-Faqar fejn kien jagħmel minn kollox sabiex iqajjem aktar kuxjenza.
Miceli kien miżżewweġ lil Pauline Miceli, il-Kummissarju tat-Tfal.
“Miceli dejjem baqa’ sod favur il-vulnerabbli” – PL
Filwaqt li sellem il-memorja ta’ Miceli, il-Partit Laburista saħaq li tul ħajjtu Miceli dejjem fehem kif jinbidlu ż-żminijiet iżda baqa’ sod favur il-vunerabbli.
Fi stqarrija, il-PL semma kif sa ftit tal-jiem ilu, Miceli kien qed jitkellem mal-Gvern fuq proposti dwar dak li għandu jsir fil-qasam tal-kera f’Malta.
Madanakollu saħqu li l-ikbar tislima għandha tkun għall-ħidma tiegħu kontra l-faqar li filwaqt li qed tħalli l-frott jgħidu li trid tibqa’ għaddejja.
“Miceli kien raġel ta’ prinċipji sodi” – PN
Il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Miceli u fakkar kemm kien raġel ta’ prinċipji sodi.
Il-PN semma kif Miceli ħadem favur il-persuni l-aktar vulnerabbli u dawk li jgħixu fil-faqar, b’mod speċjali permezz tal-Alleanza kontra l-Faqar li waqqaf hu stess.
Fl-istqarrija, il-PN ta l-kondoljanzi tiegħu lil mart Miceli, uliedu u l-familja tiegħu kollha.
“M’għandniex kliem biex niddeskrivu l-vojt li ħalla Charles” – Moviment Graffiti
Andre Callus f’isem il-Moviment Graffiti saħaq li m’hemmx kliem li jistgħu jiddeskrivu l-vojt li ħalla Miceli, mhux biss fuq livell politiku iżda ukoll fuq livell emozzjonali.
Fi stqarrija, kompla jgħid li Miceli kien ta’ spirazzjoni għal kull min jemmen li dinja aktar ġusta hija possibli. Sostna li sal-lum stess kienu qed jiġġieldu sabiex ikun hawn regoli fil-kera f’Malta, u s-sena li għaddiet kien qed jaħdem fuq kampanji flimkien ma’ Miceli għal paga minima ‘diċenti’.
Callus kompla jgħid kif il-mewt ta’ Miceli ħalliethom mitlufa, iżda jisħaq li mhux se jħallu l-ispirtu ta’ Miceli u l-għatx għall-ġustizzja soċjali u l-attiviżmu tiegħu tieqaf.
"Kien ta' tarka għall-persuni fil-perfierija tas-soċjetà" – Caritas 
Filwaqt li esprimiet is-sogħba tagħha għat-telfa ta' Miceli, li kien ilu jifforma parti mill-Caritas għal dawn l-aħħar 30 sena, il-Caritas spjegat kif Miceli ħadem bla waqfien kontra l-inġustizzji soċjali u serva bħala tarka għall-persuni fil-periferija tas-soċjetà.
Id-diretturi, l-istaff, il-voluntiera u r-residenti tal-Caritas Malta sellmu l-memorja ta' Miceli u taw il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu kollha.

"Xogħol ġurnalistiku bi professjonalità kbira" – IĠM
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal ukoll li jinsab maħsud bl-aħbar tal-mewt għall-għarrieda  ta’ Charles Miceli.
Semmiet kif bħala ġurnalist irrapporta mill-Qorti, mill-Parlament kif ukoll numru ta' avvenimenti nazzjonali importanti u xogħol ġurnalistiku ieħor li kien jagħmel bi professjonalità kbira.

Ritratt: Ian Noel Pace