Read in English.
Fuq il-midja soċjali ma waqfux il-messaġġi biex isellmu lil Carmel Cordina, magħruf bħala Charles, li miet ilbieraħ, l-Erbgħa 13 ta’ Jannar fl-età ta’ 81 sena.
Il-messaġġi biex isellmu lil Carmel Cordina kienu bosta, minn familjari, għal persuni mill-Belt Valleta u persuni oħra mill-qasam tal-midja.
Fl-2015 waqt iż-żjara ta’ Prince Charles waqt iż-żjara taċ-CHOGM f’Malta mill-familja Rjali, Charles Cordina, li kien magħruf aħjar fin-Navy Rjali bħala ‘Charlie’, kien deskritt minn Prince Charles, fil-preżenza tal-Prim Ministru u ambaxxatrui preżenti, bħala l-akbar ħabib tiegħu f’Malta. Cordina serva għal 30 sena fin-Navy Rjali Ingliża, flimkien mat-tliet ulied tar-Reġina: il-Prinċpijiet Charles, Andrew u Edward.
Christian Micallef, preżentatur tal-programm Replay kif ukoll eks-Sindku tal-Belt Valletta ddeskriva lil Charles Cordina bħala persuna li għex il-ħajja u esperjenzi differenti u interessanti. Saħaq li kull konversazzjoni li kellu miegħu, speċjalment dawk riċenti, dejjem żammewh biex ikompli jisimgħu u jsegwih b’attenzjoni.
Charles Cordina kien ilu 55 sena, minn Marzu tal-1965, miżżewweġ lil Antida. Il-koppja kienu ġenituri u anke nanniet.

Il-funeral se jsir għada l-Ġimgħa 15 ta’ Jannar fid-9.30am fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.