Imut Bob, il-qattus ta’ A Street Cat Named Bob

Il-qattus Bob mal-attur Luke Treadaway fil-premiere tal-film A Street Cat named Bob

Read in English.

Il-qattus Bob, li l-istorja vera tiegħu tidher fil-ktieb u l-film A Street Cat Named Bob, miet nhar it-Tnejn fl-età ta’ 14-il sena. James Bowen kiteb il-ktieb wara li ltaqa’ ma’ Bob fl-2007 waqt li kien qed jiġġieled il-vizzju tad-droga.

Bowen kien sab il-qattus ġinġer abbandunat u mweġġa’ u ddeċieda li jieħu ħsiebu. Huma malajr saru  inseparabbli, bil-qattus ta’ spiss jingħaqad ma’ Bowen hekk kif kien iqassam il-ġurnal The Big Issue fit-toroq ta’ Londra. Il-ktieb dwar ir-relazzjoni tagħhom sar bestseller u sar film fl-2016 bil-parti ta’  James Bowen tinħadem minn Luke Treadaway. Bob kien ħa sehem fih ukoll bħala l-qattus stess.

Bowen, wara l-mewt tal-qattus, qal: “Bob salvali ħajti. Sempliċi daqshekk. Huwa tani ħafna iktar mill-kumpanija tiegħu. Sibt direzzjoni u skop li ngħix, affarijiet li kelli nieqsa f’ħajti. Is-suċċess li ksibna flimkien permezz tal-kotba u l-film tagħna kien mirakoluż. Huwa ltaqa’ ma’ eluf ta’ nies u mess miljuni ta’ ħajjiet. Kien qattus inkredibbli.”

James Bowen ma’ Bob