Imut bl-Ebola l-Liberjan rikoverat fl-Istati Uniti

Dalgħodu miet il-pazjent Liberjan li kien rikoverat fl-Istati Uniti wara li ġie infettat mill-virus tal-Ebola.
L-aħbar ingħatat mit-tmexxija tal-isptar Texas Health Presbyterian f’Dallas.
Thomas Duncan ta’ 42 sena, “ċeda quddiem il-marda perikoluża tal-Ebola.  Duncan iġġieled il-marda b’kuraġġ kbir” tgħid l-istqarrija tal-isptar.
Duncan kien l-ewwel persuna pożittiva għall-Ebola fl-Istati Uniti wara li wasal minn Monrovja l-Liberja fl-20 ta’ Settembru.
Il-Liberjan infetta ruħu bl-Ebola wara li għen lit-tifla ta’ ħbieb tiegħu biex tmur l-isptar u mar lura l-Istati Uniti mingħajr ebda sintomi.
Barra l-infermiera ta’ 44 sena, bħalissa fi Spanja hemm 4 pazjenti li qed jinżammu taħt osservazzjoni fl-isptar Carlo III – La Paz minħabba l-Ebola.
Il-pajjiżi li huma mifnija bl-Ebola huma l-Ginea, is-Sjerra Leone, il-Liberja u n-Niġerja. 
F’dawn il-pajjiżi l-Ebola qatlet aktar minn 3,400 persuna.