​Imut bil-kesħa raġel li jorqod fit-triq

Raġel li għandu fuq il-50 sena u li jorqod fit-triq miet bil-kesħa fl-aħħar jiem.
Persuni li kienu għaddejjin mit-triq ippruvaw isalvaw lir-raġel bla saqaf fuq rasu, li ma kellu l-ebda għażla oħra ħlief li jorqod fit-toroq kiesħa tal-belt kapitali Skoċċiża.
Ir-raġel kien jorqod ħdejn raġel ieħor fuq żewġ saqqijiet imkabra, fiċ-ċentru ta’ Edinburgh f’temperaturi ta’ 5 gradi taħt iż-żero.
Il-ħabib tiegħu beda jgħajjat għall-għajnuna meta ma setax iqajmu.  Sid ta’ ħanut fl-inħawi rrakkonta kif ixxokkja ruħu meta kien fi triqtu biex jiftaħ il-ħanut kmieni filgħodu u ra lil raġel jipprova jċaqqlaq lir-raġel l-ieħor.
Skont il-midja internazzjonali, ftit wara waslet fuq il-post mara bil-piġama, li hu mifhum li kienet tabiba. Iżda r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Għall-politiċi, dak li seħħ huwa traġedja li tfakkar lil kulħadd f’din il-problema li ddeskrivewha “tal-mistħija”.
Il-mewt tar-raġel seħħet fl-istess jum li l-Kunsill ta’ Edinburgh kien qed jiddiskuti l-problema ta’ persuni bla saqaf fuq rashom, u biex jitnaqqas l-għadd ta’ persuni li jużaw l-akkomodazzjoni ta’ emerġenza.
F’Edinburgh f’perjodu ta’ sena mietu għaxart irġiel u tmien nisa, li kienu jorqdu fit-triq.