​Imut bil-kesħa f’Milan; aktar pazjenti fl-Emerġenza

Raġel ta’ 47 sena li m’għandux saqaf fuq rasu miet f’Milan fl-Italja kmieni dalgħodu.
Rapporti fil-midja Taljana qed jgħidu li probabbilment ir-raġel miet mill-kesħa estrema li qed taffettwa l-pajjiż.  Matul il-lejl li għadda, it-temperaturi niżlu sew taħt iż-żero.
Fl-aħħar jiem, raġel li għandu fuq il-50 sena u li jorqod fit-triq miet bil-kesħa f’Edinburgh fl-Iskozja.
Ilbieraħ Brussell ħareġ ordni li persuni bla saqaf fuq rashom jistgħu jiġu arrestati jekk jirrifjutaw li jidħlu f’xelter.
Intant, il-borra u s-silġ f’Ruma qed iwassal għal iktar pazjenti li jmorru l-Emerġenza minħabba ksur. Dawn telgħu minn 20% għal 50%.
Minħabba l-borra, illum tħassru 33 vjaġġ bil-ferrovija, l-aktar dawk li kienu se jitilqu minn Ruma, Napli u Milan. Fuq linji oħra kien hemm dewmien.