Imut b’xokk meta xxabbat fuq ferrovija biex jitlaq mill-Greċja

Żagħżugħ Marokkin, wieħed mill-5,000 immigrant li jinsabu fil-fruntiera ta’ bejn il-Greċja u l-Maċedonja, miet b’xokk elettriku wara li pprova jaqsam il-fruntiera.
Iż-żagħżugħ miet meta xxabbat għal fuq saqaf ta’ kabina ta’ ferrovija u mess cable b’vultaġġ għoli.
Hu mifhum li din hi l-ewwel mewt ta’ dan it-tip fil-fruntiera tal-Greċja u l-Maċedonja.
F’din il-fruntiera ġlied bla waqfien bejn il-pulizija u l-immigranti li ilhom ġimgħat maqbuda fl-istess post ilbieraħ daħal fit-tieni jum konsekuttiv.
1,500 immigrant mill-Iran, il-Pakistan u l-Marokk inqabdu fil-fruntiera wara li x-xahar li għadda l-istati Balkani bdew iwaqqfuhom milli jaqsmu l-fruntieri.
L-awtoritajiet qed jippruvaw jipperswadu lil dawn l-immigranti biex japplikaw għall-ażil fil-Greċja.  Madanakollu huma jridu jmorru f’pajjiż b’ekonomija aktar f’saħħitha, bħall-Ġermanja.
Sadanittant, aktar kmieni din il-ġimgħa fl-istess fruntiera waslu 43 xarabank mimlija b’Sirjani, Iraqqini u Afgani.
Il-Greċja talbet l-għajnuna lill-Unjoni Ewropea biex tgħinha tikkontrolla l-fruntieri.
Il-Ministri tal-Intern Ewropej se jiltaqgħu llum biex jiddiskutu l-kapaċità tal-Greċja li tikkontrolla l-immigranti li jgħaddu mill-pajjiż fi triqithom lejn it-tramuntana tal-Ewropa.