Imut b’marda serja u mhux b’kawża naturali kif qalulhom

Wara sena ġew riżolti d-dubji dwar il-mewt ta' tarbija ta’ 12-il xahar, li mietet b’marda serja li ma kinitx rikonoxxuta mis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa (NHS) f’Londra.
William Mead, li miet f’Diċembru 2014, kien qed isofri minn avvelenament tad-demm ikkawżat minn infezzjoni f’sidru.
Sa qabel ma ġiet magħrufa l-kawża li wasslet lit-tarbija għall-mewt, kien maħsub li William miet b’kawżi naturali.
Skont rapport internazzjonali, tqajjem dubju dwar jekk l-għajnuna li joffri s-Servizz fil-ħinijiet li ma jkunx miftuħ, kienx kapaċi jidentifika l-mard serju li jidher fit-tfal.
Barra minn hekk, konsulenti ta’ dan is-servizz ma kinux imħarrġa u b’hekk it-tarbija setgħet issalva li kieku rrealizzaw il-gravità tal-kundizzjoni.
Anke t-tobba ġenerali naqsu milli jidentifikaw il-marda.
Tennew li kieku kien hemm mediku li ħa l-aħħar telefonata, minflok konsulent tas-Servizz li jagħmel użu mis-sistema tal-kompjuter, kien jirrealizza li l-bikja tat-tarbija kienet tindika li hi f’sitwazzjoni perikoluża u li teħtieġ attenzjoni medika immedjata.
Ir-rapport dettaljat jelenka l-opportunitajiet li fihom it-tarbija setgħet tiġi salvata.
B’dispjaċir, il-familja tenniet li ġġieldu l-ikbar battalja biex jiksbu t-tweġibiet tagħhom, "meta diġà nafu li tlifna lil William.”