Imut anzjan bil-coronavirus

Read in English.

Il-Ministeru għas-Saħħa għadu kemm ħabbar li anzjan ta’ 84 sena huwa t-tielet vittma tal-Covid-19 f’Malta.

L-anzjan iddaħħal l-Isptar Mater Dei ilbieraħ, fejn sarlu test għal Covid-19 li rriżulta pożittiv. Il-kundizzjoni tal-anzjan, li kien ibati b’kundizzjonijiet oħrajn tas-saħħa, baqgħet sejra lura. Huwa miet fl-Isptar Mater Dei dalgħodu.

Dan huwa t-tielet każ ta’ mewt bil-coronavirus f’Malta. L-ewwel każ kien ta’ mara ta’ 92 sena li mietet fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fit-8 t’April. It-tieni każ kien ta’ raġel ta’ 79 sena fl-Isptar Karin Grech fid-9 t’April. Għalhekk, tal-lum huwa l-ewwel mewt fl-Isptar Mater Dei.

Il-Ministeru għas-Saħħa mill-ġdid appella biex jiġu segwiti l-appelli tad-Dipartiment għas-Saħħa Pubblika biex jiġu protetti l-anzjani u l-persuni vulnerabbli fis-soċjetà.

Il-Ministeru għas-Saħħa ta l-kondoljanzi lill-qraba tal-anzjan.

S’issa f’Malta hawn 350 każ tal-coronavirus, inklużi t-tliet imwiet. Il-Prof. Charmaine Gauci se taġġorna lill-pubbliku bl-aħħar każijiet f’konferenza tal-aħbarijiet illum fin-12.30pm.