Imut Anton Agius Muscat

Tħabbret il-mewt ta' Anton Agius Muscat.
Huwa twieled fid-19 ta’ April 1931 il-Ħamrun u studja l-Liċeo, is-St Michael’s Training College u f’St Mary University College ta’ Twickenhan, l-Ingilterra.
Fl-1950 beda jgħallem mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, fl-1960 laħaq assistent kap u fl-1970 inħatar Kap ta’ skola. Huwa rtira mis-servizz fl-1992.
Agius Muscat hu magħruf aktar għall-ħidma tiegħu fil-Moviment tal-Malti u l-Għaqda Letterarja Maltija fejn ħa ħsieb jippreżenta diversi programmi letterarji fiż-żewġ għaqdiet.
Fl-1960 kien milqugħ bħala membru tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, magħrufa llum bħala l-Akkademja tal-Malti, u għal snin twal ħadem fil-kunsill kemm bħala Segretarju Relazzjonijiet Pubbliċi kif ukoll bħala Teżorier u Viċi President.
F’isem L-Akkademja tal-Malti organizza u mexxa erbatax-il programm televiżiv fl-1980/81 bl-isem Ħarsa mill-Qrib, li fihom it-telespettatur iltaqa’ ma’ kittieba anzjani.
Fl-1982 Karmenu Vassallo ddeskrivieh bħala “kontributur ħawtiel u lieżem fil-qasam ġurnalistiku Malti, b’ħemel ta’ kitba bl-Ingliż u bil-Malti ta’ qatgħa u xejra kulturali/edukattiva/soċjali."
Il-funeral se jsir għada fil-Knisja Parrokkjali ta' San Ġiljan fis-2pm.