Imur jagħmel rapport u jispiċċa arrestat hu stess

Rumen li mar jagħmel rapport l-għassa spiċċa arrestat hu stess b’akkużi ta’ serq u pussess ta’ arma illegali. Iż-żagħżugħ ta’ 29 sena mar l-għassa ta’ San Ġiljan biex jirrapporta li kien ġie aggredit minn grupp ta’ żgħażagħ Għarab, iżda hemmhekk sab mara li kienet għadha kif insterqulha l-mowbajl u xi flus li għarfitu bħala l-persuna li serqilha l-affarijiet tagħha.

Ir-raġel deher dal-għodu quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea b’idu nfaxxata akkużat b’serq ta’ flus kontanti u mowbajl minn toilet tan-nisa fi stabbiliment f’Paceville. Huwa nqabad mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-istabbiliment stess bl-oġġetti misruqa kif ukoll b’arma bil-ponta u pepper spray.

L-avukat difensur Arthur Azzopardi qal li ma jistax jiġi injorat il-fatt li r-raġel indarab minn xi ħadd u għalhekk huwa staqsa fuq il-possibilità li jinġabru xi filmati ta’ kameras tas-sigurtà kemm tal-istabbiliment kif ukoll tal-inħawi biex jistabbilixxu x’ġara eżatt.

Il-Qorti ċaħdet lill-akkużat mil-libertà proviżorja minħabba li r-raġel għad għandu sentenza sospiża fil-konfront tiegħu kif ukoll biex tkun evitata l-possibilità li jitlaq minn Malta.