Imsawta mill-Pulizija waqt protesti fir-Russja

Filmat li juri uffiċjali tal-Pulizija Russi jsawtu mara żagħżugħa u jagħtuha daqqiet ta’ ponn fl-istonku ħoloq rabja kbira wara li xtered fuq il-midja soċjali. Dan fl-isfond ta’ diversi rapporti li l-Pulizija Russa qed tuża forza eċċessiva biex twaqqaf lid-dimostranti li niżlu fit-toroq għal dimostrazzjonijiet politiċi.

Il-filmat, li nġibed is-Sibt u aktar tard xtered fuq il-midja soċjali minn diversi artisti Russi li huma segwiti minn miljuni, juri l-mument li fih żewġ Pulizija b’elmu u uniformi ta’ kontra l-protesti, iġorru liż-żagħżugħa li ġiet identifikata bħala Daria Sosnovskaya, waqt li kienet qed tistenna vettura tal-Pulizija.

Sosnovskaya, ta’ 26 sena, fil-filmat tidher tissielet biex tipprova taħrab mid-daqqiet tal-Pulizija u tipprova twaqqa’ lil wieħed mill-uffiċjali li kien qed isawwatha. Dan irritalja billi beda jagħtiha daqqiet fl-istonku.

Id-dimostranti ħabbru li beħsiebhom jorganizzaw dimostrazzjoni oħra fis-17 ta’ Awwissu.