​“Imrażżna rotta tal-immigrazzjoni; tinfetaħ oħra” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li meta tkun imrażżna rotta tal-immigrazzjoni qed tispiċċa tinfetaħ oħra bħalma qed jiġri fi Spanja.
Il-Prim Ministru kien qed jagħti l-kummenti tiegħu waqt il-Kunsill tal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea fi Brussell. Qal li minkejja li f’Malta ma kienx hemm influss qawwi fil-wasliet ta’ immigranti fl-aħħar snin, il-kwistjoni tista’ tinbidel mil-lejl għan-nhar.
Muscat stqarr li jinnota kif nofs il-flus li sejrin għall-pajjiżi Afrikani ġejjin mill-Italja u qal li ma jistax ikun li jkun pajjiż wieħed biss li jerfa’ piż daqstant kbir.
Brexit
Dwar Brexit, il-Prim Ministru ddeskriva l-indirizz li għamlet il-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May bħala “indirizz kostruttiv fejn l-argumenti tar-Renju Unit tressqu bl-aħjar mod”.
Muscat żied jgħid li minkejja dan, ma kien irrapportat l-ebda progress sinifikanti fuq il-kwistjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Ritratt: DOI – Jason Borg