Imprendituri jiġġudikaw il-Premjijiet għall-Businesswoman tas-Sena ta’ Malta

Il-premjijiet inawgurali li jirrikonoxxu l-kisbiet tan-nisa fin-negozju f’Malta kienu ġġudikati minn bord tal-għażla magħmul minn Sonia Hernandez, Kap Eżekuttiv ta’ Vodafone Malta (Chairman tal-bord); Frank V. Farrugia, President tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta; Andy Gatesy, President u Kap Eżekuttiv ta’ Toly Group; Sue Vella, Direttur Mhux Eżekuttiv ta’ HSBC Malta; u Grace Camilleri, Sieħeb ta’ Ernst & Young Malta.

It-tnedija ta’ dawn il-premjijiet biex ikunu rikonoxxuti l-kisbiet tan-nisa fin-negozju tħabbret fil-5 ta’ Novembru 2018 mill-Eċċellenza Tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, u mill-Kap Eżekuttiv tal-HSBC Bank Malta p.l.c., Andrew Beane.

Il-ġurija tal-Malta Businesswoman of the Year Awards (MBWYA) iddeliberat fit-tul dwar l-għexieren ta’ nominazzjonijiet sottomessi. Filwaqt li kienet ta’ sfida li jintgħażlu l-aqwa minn dawn, il-ġurija użat kriterji stabbiliti biex tagħżel il-finalisti li urew impenn u ħidma kontinwa fil-qasam tagħhom. Meta kienu qed jiġġudikaw is-sottomissjonijiniet, il-membri tal-ġurija astjenew milli jivvutaw jekk u meta kien hemm kunflitt ta’ interess.

Ir-rebbieħa jitħabbru waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni fid-9 ta’ Frar 2019 fil-Palazz Verdala.

L-applikazzjonijiet kienu nfetħu għall-imprendituri nisa kollha u għal dawk in-nisa li joperaw negozju hawn Malta. Il-Premjijiet għall-Businesswoman tas-Sena ta’ Malta huma appoġġjati mill-HSBC Bank Malta u qed isiru taħt il-patroċinju tal-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta.

Aktar informazzjoni tinkiseb mill-websajt https://mbwya.com.mt/.

Ritratt: Photocaption: (Mix-xellug) Andy Gatesy, Sue Vella, Sonia Hernandez u Grace Camilleri. Ma jidhirx fir-ritratt il-membru l-ieħor tal-ġurija Frank V. Farrugia