Impjiegi żejda mal-Gvern jistgħu jwasslu għall-iffriżar tal-pagi – Mario de Marco

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li t-tnaqqis fin-numru tal-persuni bla xogħol qed isseħħ għaliex eluf qed jingħataw impjieg mal-Gvern.
Qal li l-persuni mpjegati fis-settur pubbliku żdiedu b’2,500 u fuq dan irrimarka wkoll il-Fond Monetarju Internazzjonali li ta l-parir biex fin-negozjati tal-ftehim kollettiv, il-Gvern jiffriża l-pagi fis-settur pubbliku.
Mario de Marco qal li l-qgħad naqas għaliex il-Gvern qaċċat mal-1,000 persuna mir-reġistru anke jekk dawn ma nstabilhomx xogħol.
Enfasizza li oħrajn tneħħew mir-reġistru għaliex qegħdin jieħdu sehem f’xi skema.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal mill-istħarriġ ippubblikat fil-midja, jidher li qed jikber it-tħassib tal-poplu dwar il-pagi baxxi li qed jitħallsu l-ħaddiema u l-għoli tal-ħajja.
Mario de Marco qal li fl-aħħar sentejn, il-paga medja f’setturi li jħadmu eluf ta’ ħaddiema naqset flok żdiedet.