Impjieg ta’ $1,000 biex tara l-films ta’ Disney għal xahar

Il-kumpanja reviews.org qed toffri mpjieg għal xahar lil ħamsa minn nies biex matul dan iż-żmien jaraw films ta’ Disney għal ħlas ta’ $1,000. Matul dan il-perjodu se jaraw 30 film ta’ din il-kumpanija magħrufa għal cartoons u għal films ta’ avventura.

Dan l-impjieg se jasal qabel jitnieda s-servizz Disney+ li jingħad li għandu jħabbatha sew ma’ Netflix u Amazon. Dawk li jiġu aċċettati jkunu jridu jaraw il-films ta’ Disney fuq is-servizz tal-istreaming imbagħad jiktbu review  fuqhom. Dawn il-films jinkludu dawk tal-cartoons klassiċi bħal Bambi u Cinderella sa dawk tal-Marvel.

Dawk li jingħataw l-impjieg se jingħataw b’xejn għal sena s-servizz tad-Disney+, kutra bit-tema tal-Mickey Mouse, erba’ tazzi u magna biex tagħmel il-popcorn.

Min japplika jkun irid ikollu ċittadinanza Amerikana, ikollu aktar minn 18-il sena u jkollu ħeġġa kbira għal dan it-tip ta’ xogħol.