Impjieg stabbli u l-familja huma żewġ pilastri tas-soċjetà

Il-ġimgħa li għaddiet il-Papa Franġisku għamel żjara uffiċjali lill-President Taljan Sergio Mattarella fil-Palazz tiegħu tal-Quirinale, li matulha faħħar ir-relazzjonijiet bejn l-Istat Taljan u l-Knisja Kattolika li jikkollaboraw ħafna għall-ġid komuni.
Il-ġenerożita tal-Italja mal-imigranti u r-refuġjati kif ukoll mal-vittmi tat-teremoti hi espressjoni ċara tas-sentimenti ġenwini li għandhom il-bidu tagħhom fil-fidi nisranija, li ffurmat il-karattru tal-poplu Taljan u li tidher ħafna fil-mumenti drammatiċi, qal il-Papa lill-President Mattarella.
“Dwar il-fenomenu kumpless tal-imigrazzjoni, hu ċar li l-piż ta’ dan ma jistgħax jintrefa’ minn ftit pajjiżi jekk irridu li l-imigranti jintegraw sewwa fil-fibra soċjali tal-pajjiż li jilqagħhom. Għalhekk hu essenzjali u urġenti li tkun żviluppata kooperazzjoni internazzjonali inċisiva”, sostna Papa Franġisku.
Dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ – li fl-Italja jilħaq l-34% – il-Papa enfasizza ir-rabta li hemm bejn impjieg stabbli u l-ħajja tal-familja.
“It-tbatija taż-żgħażagħ, irqajja ta’ faqar, id-diffikultajiet li ż-żgħażagħ isibu ma’ wiċċhom meta jiġu biex iwaqqfu familja u jrabbu t-tfal, kollha għandhom ħaġa komuni: in-nuqqas ta’ xogħol jew xogħol prekarju u mħallas ħażin, li allura ma jħallux liż-żgħażagħ jippjanaw bis-sejeta’ il-futur tagħhom”.
Il-Papa żied jgħid li impjieg stabbli flimkien ma’ politika attiva favur il-familja – li hi l-ewwel post fejn jinbnew ir-relazzjonijiet – huma kundizzjonijiet għal żvilupp sostenibbli awtentiku u tkabbir armonjuż tas-soċjeta’. Dawn huma żewġ pilastri li jappoġġjaw id-dar komuni u jsaħħuha biex tkun tista’ tiffaċċja l-futur bi spirtu kreattiv u kunfidenti u mhux bil-biża’ u r-rassenjazzjoni.