Impjieg fantażma: Il-Maġistrat Nadine Lia tastjeni mill-inkjesta

Miguela Xuereb

Il-Maġistat Nadine Lia astjeniet milli tisma’ l-inkjesta dwar ix-xogħol fittizju li ngħata lis-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma.

L-avukati John Gauci, Ruth Ellul u Julian Farrugia ffirmaw l-applikazzjoni sottomessa minn Anthony Muscat li titlob ir-rekuża ta’ Lia. Muscat imexxi l-kumpanija li kienet impjegat lil Theuma.

F’digriet illum, il-Maġistrat Lia, li hi miżżewġa lill-avukat personali tal-Prim Ministru Joseph Muscat, l-avukat Pawlu Lia, qalet li se tirrekuża ruħha sabiex tara li ssir ġustizzja. F’digriet twil 12-il paġna, il-maġistrat ikkwotat mill-ġuriprudenza nazzjonali, barranija u mill-Qrati Ewropej.

Aktar kmieni dan ix-xahar, Lia intalbet tastjeni milli tippresedi l-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra s-suspettat bl-assassinju tal-ġurnalista, Yorgen Fenech.

Fil-Qorti, Theuma qal li hu kien ingħata xogħol mal-Gvern wara li ltaqa’ ma’ Keith Schembri li dak iż-żmien kien għadu impjegat bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-Head of Customer Care, Sandro Craus f’Kastilja. Theuma spjega li wara li Fenech qallu biex isib lil min iwettaq l-assassinju ta’ Caruana Galizia, hu kien ċempel jinfurmah li Craus kellu jkellmu. Craus kien għamel appuntament sabiex Theuma jiltaqa’ ma’ Schembri f’Kastilja.

Theuma kien qal li beda jitħasseb jekk kellux jidħol Kastilja jew le. Qal imma li eventwalment daħal mill-entratura prinċipali fejn hemm iltaqa’ ma’ Schembri. Fix-xhieda tiegħu, Theuma qal li Schembri ħadu mawra ma’ Kastilja u wara anke tah espresso. Hu ngħata l-istruzzjoni sabiex l-għada jmur il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali.

Theuma qal fil-Qorti li hu ma kienx jaf x’tip ta’ xogħol kien. L-impjieg tiegħu beda fl-1 ta’ Mejju tal-2017, meta tħabbret l-elezzjoni ġenerali bikrija.

Il-Gvern inizjarjament qal li ma kien hemm l-ebda rekord tal-impjieg ta’ Theuma, iżda aktar tard il-kuntratt kien ġie ppubblikat fil-media. Theuma kien tkeċċa mill-impjieg madwar erba’ xhur wara.