Impjegati tal-kumpaniji ta’ Schembri jitolbu l-Qorti għall-paga tagħhom – rapporti

FILE PHOTO: Keith Schembri, Chief of Staff in the office of Malta's Prime Minister Joseph Muscat, arrives for a joint news conference between Muscat and President of the European Council Donald Tusk in Valletta, Malta, March 31, 2017. REUTERS/Darrin Zammit Lupi/File Photo

Read in English.

Għadd ta’ ħaddiema tal-kumpaniji ta’ Keith Schembri ressqu applikazzjoni urġenti fil-qorti biex jitolbu biex il-pagi tagħhom jiġu eżentati mill-iffriżar tal-assi li sar ta’ Schembri u l-kumpaniji tiegħu.

Ilbieraħ, l-avukati ta’ Schembri, li kien Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, ressqu rikors fil-qorti biex jitolbu li ftit mill-flus jiġu rilaxxati sabiex ikunu jistgħu jitħallsu l-ħaddiema ta’ sitt kumpaniji tiegħu li nhar il-Ġimgħa li għadda ma rċivewx il-paga.

Nhar it-Tnejn li għadda, l-Avukat Ġenerali ordnat li jiġu ffriżati l-assi ta’ Schembri u ta’ bosta nies qrib tiegħu, kif ukoll ta’ Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT. Il-lista kienet tikkonsisti f’91 persuna u kumpanija. Dan b’rabta ma’ inkjesta maġisterjali li ntemmet riċentament dwar allegat ħasil tal-flus b’konnessjoni ma’ bejgħ ta’ passaporti Maltin lil ċittadini Russi. It-Tlieta Schembri qatta’ ġurnata d-Depot, iżda nħeles filgħaxija bil-police bail.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal lill-ġurnalisti li bejn it-Tnejn u t-Tlieta kienu arrestati erba’ persuni b’rabta ma’ dan il-każ, li kollha nħelsu bil-police bail. Huwa spjega li l-perjodu tal-bail huwa ta’ tliet xhur, iżda dan jista’ jiġi estiż skont il-bżonn.

Il-ġurnal Times of Malta llum irrapporta li 78 impjegat tal-kumpaniji ta’ Schembri ressqu rikors quddiem il-Qorti b’urġenza, peress li nhar l-Erbgħa li ġej huwa tmiem ix-xahar. Saħqu li l-paga hija l-unika mezz ta’ għajxien tagħhom, u jridu jitimgħu lill-familji tagħhom u jħallsu s-self li għandhom mal-bank.

L-avukati ta’ Schembri, Dr Edward Gatt u Dr Mark Vassallo, argumentaw li b’dan l-iffriżar tal-assi qed jinkisru d-drittijiet tal-klijenti tagħhom billi dawn m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ.

Fir-rikors li tressaq ilbieraħ f’isem il-kumpaniji, l-avukati argumentaw li d-deċiżjoni li ttieħdet fil-konfront ta’ Schembri hi waħda b’effetti katastrofiċi u li hi miżura esaġerata.