Impjegati tal-isptar ta’ Għawdex jilmentaw dwar ikel mhux frisk

Impjegati tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qed jilmentaw li l-ikel li jingħataw mhux frisk, u ddeskrivewh bħala ‘diżastru, imlaqqat u mhux ta’ kwalità’.
Ma’ Newsbook.com.mt, xi impjegati tal-isptar qalu li jistennew li fi sptar l-ikel għandu jkun nuttrittiv kemm jista’ jkun.  Tkellmu wkoll dwar l-ikel li jingħataw il-pazjenti, li kważi ta’ kuljum qed ikun l-istess u mhux bil-menu kif kien imwiegħed. Qalu wkoll li hemm min hu allerġiku għall-glutina u ma jiġix offrut ikel adattat.
Kelliema għas-Segretarjat Parlamentari tas-Saħħa qalet ma’ Newsbook.com.mt, li l-kuntrattur tal-ikel tal-impjegati tal-Isptar Ġenerali huwa konsorzju bejn żewġ kumpaniji.
Spjegat li l-ikel jitwassal l-isptar mill-kuntratturi f’vettura refriġirata. L-ikel imbagħad jiġi ppreparat fil-kċina li tinsab biswit il-kamra tal-ikel tal-impjegati.
Żiedet tgħid li l-ikliet isiru minn nutrizzjonisti esperti u jinkludi ikliet dijabetiċi, ikliet mingħajr glutina u oħrajn veġeterjani. Ikunu jikkonsistu fl-ewwel platt, it-tieni platt u deżerta.
Ilbieraħ, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne għamel spezzjoni għall-għarrieda minn fejn jingħata s-servizz tal-catering fl-Isptar Mater Dei. Dan wara li l-istess Segretarjat irċieva numru ta’ lmenti.
Huwa spezzjona l-ikel u s-servizz li jingħata lill-pazjenti fis-swali u qal li s-servizz kien tajjeb, iżda hemm bżonn li jkun hemm aktar titjib.