Impjegati tal-Oxfam akkużati b’theddid fiżiku

L-organizzazzjoni Oxfam żvelat li tlieta mill-irġiel akkużati b’imġieba sesswali ħażina heddew b’mod fiżiku lil xi xhieda waqt investigazzjoni li saret fl-2011.
L-Oxfam ippublikat ir-rapport intern dwar l-allegat abbuż minn uħud mill-impjegati tagħha wara pressjoni mill-pubbliku.
Fir-rapport tal-2011, l-Oxfam qalet li hemm bżonn impenn ikbar biex impjegati problematiċi ma jaħdmux ma’ karitajiet oħra. Minkejja dan, numru ta’ irġiel b’rabta mal-allegat abbuż spiċċaw jaħdmu ma’ karitajiet oħra.
Skont il-midja internazzjonali, Oxfam li għandha madwar 10,000 impjegat f’aktar minn 90 pajjiż, rilaxxat verżjoni tar-rapport. Qalet li tixtieq tkun kemm jista’ jkun trasparenti dwar id-deċiżjonijiet li għamlet.
Biċċiet mid-dokument li fih 11-il paġna huma ngassati biex l-identità tan-nies imsemmija ma tkunx magħrufa.
L-Oxfam qalet li se tippreżenta r-rapport sħiħ lill-Gvern ta’ Haiti.