Impjegati ta’ BOV jikkonkorru għas-sejħa tal-għoti tad-demm

Xejn ma xekkel lill-impjegati tal-Bank milli jikkonkorru għal din is-sejħa ta’ għoti ta’ demm bil-għan li jsalvaw aktar ħajjiet. Din l-attività ġiet organizzata bil-kollaborazzjoni tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm quddiem il-BOV Head Office.
Huwa stmat li borża demm kapaċi ssalva l-ħajja ta’ tliet persuni.Tony Micallef miċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm spjega li “s-sena li għaddiet fil-gżejjer Maltin, ġew ipproċessati madwar 18,000 borża demm.  X’aktarx li matul din is-sena, id-domanda għad-demm se tiżdied peress li hemm ippjanati operazzjonijiet ortopediċi. 
“Għaldaqstant, inizjattivi organizzati fuq bażi regolari, bħal din li ġiet organizzata minn Bank of Valletta huma ta’ importanza kbira.  Dan huwa ta’ sodisfazzjon kemm għalina kif ukoll għal min jagħti d-demm.  Li tagħti rigal għall-ħajja hija esperjenza mill-aktar nobbli,” temm jgħid.
Għall-Bank of Valletta, din mhix xi ħaġa ġdida peress li fil-passat kienu organizzati mill-inqas żewġ attivitajiet ta’ għoti ta’ demm fis-sena. 
Iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm jappella lil organizzazzjonijiet oħra, hu x’inhu l-kobor tagħhom, sabiex jikkuntattjawhom u jorganizzaw attivitajiet simili bil-għan li jsalvaw aktar ħajjiet.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.