Impjegata tal-VAT il-ħabs minħabba ħasil ta’ flus

Anti-money laundering

Read in English.

Impjegata tad-Dipartiment tal-VAT ġiet ikkundannata sentejn u sitt xhur ħabs wara li l-Qorti tal-Appell naqqsitilha is-sentenza li ngħatatilha oriġinarjament. Hi kienet instabet ħatja ta’ ħasil tal-flus u possessjoni tad-droga fost affarijiet oħra.

Il-każ ġie deċiż fl-2015. Dan wara li fl-2009, Ruth Gatt ġiet akkużata li għenet lil impjegat ieħor, Nigel John Abela, biex jirċievi tixħim. Dan biex iraħħas kontijiet tal-VAT għal terzi persuni.

Gatt u Abela kienu f’relazzjoni intima, u kellhom kont tal-bank flimkien. Abela mbagħad kien staqsa lil Gatt tiftaħ kont f’isimha biex jaħbi l-flus minn martu sakemm kienu qed jgħaddu mill-proċess ta’ separazzjoni.

Gatt kienet qalet lill-Qorti li ma kenitx taf minn fejn ġejjin il-flus. Fl-2015, Abela ammetta mal-Pulizija li n-nies kienu jħallsuh bejn €100 u  €5,000 f’tixħim. Skont l-Ispettur Angelo Gafà però, kien hemm nies li ħallsu ħafna iżjed minn hekk.

Gatt kien semma żewġ impjegati oħra mad-dipartiment li kellhom x’jaqsmu. Huwa kien qal ukoll li l-vizzju tad-droga kien jiswih €300 kuljum.

L-ewwel Qorti kkundannat lil Gatt għal tliet snin ħabs u multa ta’ €1,998.46. Hi appellat is-sentenza fuq il-bażi li ma kenitx taf li qed taħsel il-flus. Però, il-Qorti tal-Appell qalet li hi kienet tiffirma ċ-ċekkijiet u tgħaddihom lil Abela kif kien ordnahha tagħmel. Żiedet li Gatt kienet qed iżżommlu s-sigrieti, anka bil-kont bankarju personali tagħha.

Barra minn hekk, hi ġiet akkużata li żvelat informazzjoni kunfidenzjali dwar nies reġistrati għall-VAT. Din tfisser li kisret is-segretezza professionali. Gatt wieġbet li m’għamlitx hekk, peress li l-informazzjoni għaddietha lil impjegati oħra. Il-Qorti pero sostniet li dan argument bla sens għax l-informazzjoni tatha lil Abela biex jagħmel affarijiet barra minn xogħlu.

Gatt sostniet li s-sentenza preċedenti kienet eċċessiva għal li għamlet. Il-Qorti naqqsitilha s-sentenza għal sentejn u sitt xhur.