Impjegata tal-British Airways tirbaħ każ ta’ diskriminazzjoni reliġjuża

Fil-Qorti Ewropea, impjegata tal-British Airways rebħet kawża minħabba li sofriet diskriminazzjoni minħabba t-twemmin Kristjan tagħha.

Nadia Eweida ta’ 60 sena kienet ressqet il-kumpanija British Airways quddiem it-tribunal tax-xogħol minħabba li fl-2006 kienet sfurzata titlaq minn xogħlha wara li libset salib żgħir bħala pendent m’għonqha. Il-kumpanija qalet li dan kien ksur tar-regoli tagħha dwar l-ilbies waqt il-ħin tax-xogħol. It-tribunal kien ikkonkluda li l-mara, li hi oriġinarjament mill-Eġittu ma sofriet l-ebda diskriminazzjoni.

Iżda meta l-mara ħadet il-każ tagħha quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani, il-qorti kkonkludiet li fil-fatt il-mara kienet vittma ta’ diskriminazzjoni abbażi tat-twemmin tagħha. Il-qorti qalet li s-salib li kienet liebsa il-mara kien żgħir biżżejjed biex ma jtellifx mid-dehra professjonali tal-kumpanija.