Impjegat tan-Nazzjonijiet Magħquda jmut bl-Ebola

Impjegat mediku tan-Nazzjonijiet Magħquda li kien infettat bl-Ebola miet fi sptar fil-Ġermanja minkejja l-kura intensiva li rċieva.
Stqarrija tal-isptar St Georg f’Leipzig tgħid li r-raġel ta’ 56 sena, li ismu ma jistax jixxandar, miet matul il-lejl kawża ta’ infezzjoni.
Fis-6 ta’ Ottubru li għadda, l-impjegat tan-Nazzjonijiet Magħquda nstab pożittiv għall-Ebola.
Ir-raġel ġie infettat mill-virus, waqt li kien qed jaħdem fil-Liberja, wieħed mill-pajjiżi li nħakem mill-Ebola.
41 ħaddiema oħra tan-Nazzjonijiet Magħquda qed jinżammu taħt osservazzjoni minħabba li setgħu ġew f’kuntatt mar-raġel.
Is-Senegaliż li f’Awwissu li għadda marad bl-Ebola waqt li kien qed jaħdem għall-Għaqda Dinija tas-Saħħa fi Sjerra Leone, ħareġ mill-isptar ta’ Hamburg u rritorna f’pajjiżu għax irnexxielu jfieq.
Pazjent ieħor, raġel mill-Uganda li kien jaħdem għal grupp Taljan fil-punent tal-Afrika, qed jingħata l-kura fi sptar fi Frankfurt.