Impjegat tal-BOV fil-Gżira bil-Covid-19; Il-fergħa terġa’ tiftaħ għada

Miguela Xuereb

Il-fergħa tal-Bank of Valletta tal-Gżira li ngħalqet temporanjament ilbieraħ ilu se terġa’ tiftaħ wara li impjegat irriżulta pożittiv għall-coronavirus.

Fi stqarrija, il-BOV spjega li l-bqija tal-impjegati tal-fergħa qed isegwu l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Intqal li l-Bank qabbad speċjalista fil-kontroll tal-prevenzjoni ta’ infezzjonijiet sabiex jiddiżinfetta l-fergħa. Il-proċess issa tlesta u ġie aċċertat li l-fergħa hija sigura sabiex tinfetaħ mill-ġdid. Il-bank għamel ukoll arranġamenti biex impjegati minn oqsma oħra tal-Bank of Valletta jkunu jistgħu jaqdu lill-klijenti ta’ din il-fergħa.

Sadanittant, l-Awtorità tas-Saħħa se tikkuntattja lil dawk l-individwi li setgħu kienu esposti, bħala parti mill-proċess tal-contact tracing.

Il-Bank of Valletta qal li se jkompli jieħu l-miżuri kollha meħtieġa fl-aħjar interess u sigurtà tal-klijenti u tal-impjegati tiegħu.