​Impjegat jisraq €4,000 lill-Gozo Channel u jgħinhom ifittxuhom

Impjegat tal-kumpanija Gozo Channel allegatament seraq €4,000 li l-kumpanija daħħlet mill-bejgħ tal-biljetti.
Il-każ imur lura għal ġimagħtejn ilu, fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju, meta ntilef envelopp li kien responsabbli għalih bejjiegħ tal-biljetti.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li t-tfittxija għal dan l-envelopp damet għaddejja madwar sagħtejn, u kien mill-kameras tas-sigurtà li ġie identifikat l-impjegat li ħa l-envelopp.
Infurmati wkoll li x’ħin inqabad, l-impjegat tal-Gozo Channel, li mhux bejjiegħ tal-biljetti, mar iġib l-envelopp mill-karozza. Dan wara li hu stess kien qed jgħin fit-tfittxija għall-envelopp bil-flus.
Il-maniġment tal-Gozo Channel bagħat għall-impjegat li allegatament seraq il-flus, iżda minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt irriżulta li ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tiegħu.
Minkejja li l-impjegat inkwistjoni għen lill-impjegati l-oħra jfittxu l-envelopp, x’ħin inqabad qalilhom li kienet ċajta.
Newsbook.com.mt qed jistenna tweġibiet għall-mistoqsijiet li bagħat lill-kumpanija Gozo Channel.