​Impenn ieħor internazzjonali għar-referì Bernard Vassallo

Ir-referì internazzjonali lokali tal-baskitbol Bernard Vassallo se jerġa’ jkun l-Italja hekk kif irċieva nominazzjoni oħra mill-FIBA Europe.
Għada Vassallo se jkun qed jikkontrolla logħba valida minn Grupp A tal-FIBA Euro League li se tintlagħab ġewwa l-Pala Campagnola bejn it-tim Taljan ta’ Schio u t-tim Ungeriż ta’ Gyor.
Schio s’issa għandhom erba’ rebħiet, qed jaqsmu t-tieni post flimkien ma’ Kosice u Kayseri fi grupp li hu magħmul minn sitt timijiet.  Bħalissa dan il-grupp huwa ddominat miċ-ċampjins renjanti Ekaterinburg b’sitt rebħiet.
Kemm Schio kif ukoll Gyor ġejjin minn telfiet li kellhom ġimgħa ilu kontra Kayseri u Kosice rispettivament.
Għall-logħba ta’ għada, flimkien ma’ Bernard Vassallo li se jkun ir-referì prinċipali, miegħu se jkollu lil Branislav Mrdak mis-Serbja u Elias Kounelles minn Ċipru.