Impatt fuq is-servizzi finanzjarji jekk Malta tfalli l-eżami tal-MONEYVAL – Kamra tal-Kummerċ

Read in English.

Il-Kamra għall-Kummerċ avżat li jekk Malta tfalli l-eżami tal-MONEYVAL, il-pajjiż jispiċċa grey-listed. Qalet li dan ikollu impatt qawwi fuq is-servizz finanzjarju Malti, il-kummerċ, it-turiżmu, u s-servizzi ġenerali inkluż correspondent banks.

Fi stqarrija maħruġa wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-aġenzija tal-Gvern ta’ kontra l-ħasil tal-flus (FIAU), il-Kamra għall-Kummerċ sejħet għal dibattitu nazzjonali fuq il-governanza tajba. Qalet li n-negozji ma jistgħux jaħdmu b’mod ġust, etiku, u jkunu ta’ success mingħajr il-bilanċi u kontro bilanċi neċessarji.

Il-Kamra nnutat li mir-rapport tal-FIAU joħroġ li Malta xorta għadha tkarkar wara pajjiżi oħra fejn jidħol in-numru ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi. Il-Kamra qalet li wara tali rapporti jrid ikun hemm azzjoni tanġibbli u proċeduri legali. Il-Kamra saħqet li l-unika mod li hemm biex Malta terġa’ tikseb ir-reputazzjoni tagħha fl-iqsar żmien possibbli huwa billi tieħu azzjoni.

Il-Kamra qalet ukoll li l-governanza tajba mhix biss ir-responsabbilità tal-Gvern.

Żiedet tgħid li Malta għandha timplimenta kultura fejn ir-rappurtaġġ ta’ negozji dubjużi ta’ klijenti ġodda fl-istadju ta’ due diligence issir normali.