Imorru għalih u joqtluh fil-Greċja

Turist inqatel minn grupp ta’ rġiel waqt li kien fuq btala fuq gżira Griega.
Bakari Henderson ta’ 22 sena kien f’bar fil-gżira ta’ Zakynthos ma sħabu nhar il-Ġimgħa x’ħin f’daqqa waħda raġel mar fuqu u beda jargumenta miegħu.
Skont il-midja internazzjonali l-ġlieda eskalat tant li uffiċjali tas-sigurtà tal-bar talbuhom biex joħorġu barra.
X’ħin ħarġu barra disa’ rġiel oħra marru fuq ir-raġel u komplew jattakkawh.
Il-Pulizija Griega s’issa arrestat raġel Serb ta’ 32 sena u ieħor Grieg ta’ 34 sena b’rabta mal-każ filwaqt li għaddejja bi tfittxija għall-irġiel l-oħra.
Henderson kien għadu kemm gradwa mill-Università ta’ Arizona u kien qiegħed il-Greċja bħala parti minn proġett tal-fotografija għat-tnedija ta’ kumpanija ġdida tal-ħwejjeġ.