Imniedi tour virtwali tal-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta

Read in English.

Ġie inawgurat uffiċjalment il-proġett ta’ tour virtwali fil-Katidral ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Dan il-proġett, mgħejjun mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, inħoloq matul il-pandemija tal-COVID-19 bil-ħsieb li l-katidral xorta waħda jiftaħ il-bibieb tiegħu għall-Maltin u għat-turisti, iżda b’mod virtwali.

Dan ħabbritu l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli waqt żjara li għamlet f’dan il-katidral. Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif dan il-katidral huwa binja ikonika oħra fil-Belt Kapitali li kull sena jżuruha madwar 30,000 turist. Semmiet kif b’dan l-investiment b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, se tinħoloq esperjenza unika u mingħajr ħlas kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.

DOI/Ruben Piscopo

It-tour ta’ dan il-katidral b’mod virtwali jista’ jsir permezz ta’ 12-il video qasir li jinsabu fuq il-website: https://www.stpaulspromalta.org/cathedral-tour/Kull wieħed minn dawn il-videos huwa spjegat bl-Ingliż daqs li kieku għandek gwida miegħek. Il-ħsieb hu li dan it-tour ikun disponibbli wkoll bil-Franċiz, Taljan, Spanjol u Portugiż. Apparti minn hekk, dan it-tour huwa aċċessibli wkoll permezz ta’ app bl-isem ‘St Paul Pro Cathedral’ li tista’ titniżżel b’xejn fuq il-mobile sabiex it-turist li jżur il-katidral isegwi pass pass it-tour tal-binja.

Ritratt: DOI/Ruben Piscopo

Min-naħa tiegħu, il-kanonku Simon Godfrey qal kif il-Pro-Katidral Anglikan ta’ San Pawl jifforma parti intrinsika mill-wirt kulturali ta’ Malta, fejn huwa rikonoxxut mad-dinja kollha. Il-kampnar tal-katidral, li jasal sa aktar minn 67 metru mill-art, huwa element storiku u ikoniku tax-xena tal-Belt Valletta. Il-Kanonku appella għal għajnuna mingħand voluntiera biex jassistu lill-viżitaturi li jżuru dan il-katidral, u min hu interessat jista’ jibgħat email fuq josette@stpaulspromalta.org.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll is-Sur Godfrey Kenely, is-Sur David Roberts u s-Sinjura Josette Borg f’isem it-tmexxija tal-katidral.