Imniedi servizz ta’ għajnuna għall-prostituti

Il-Gvern se jniedi servizz soċjali għall-prostituti hekk kif ġie ffirmat ftehim bejn id-Direttorat ghad-Drittijiet tal-Bniedem (HRD) u l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Socjali (FSWS). Dan se jkun servizz għal dawk il-persuni li jaħdmu fil-prostituzzjon.

L-Aġenzija Appoġġ se tkun qed tħejji dan il-programm li se jassigura għodda relevanti ta’ assessjar, xogħol individwali ma’ klijenti, group work, outreach fil-komunità, counselling, u anke care plans sabiex dawn il-persuni jkollhom direzzjoni fit-tul, mhux biss jingħataw assistenza fl-immedjat.

Il-Ministru Michael Falzon qal li għalkemm qed nitkellmu fuq minoranzi u numri żgħar, dan il-Gvern ħass il-bżonn li jinħoloq ambjent li jippromovi d-dinjità u jagħti l-istess opportunitajiet lil kulħadd.

Il-Ministru Falzon qal illi permezz ta’ dan il-ftehim, il-FSWS qed tkompli tikkonsolida il-katina ta’ servizzi li toffri fil-komunità sabiex aktar persuni jkomplu jsibu l-għajnuna meħtieġa u f’waqtha.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li hemm żewg realtajiet, persuni vulnerabbli kif ukoll persuni li b’għażla personali jridu jagħmlu dan ix-xogħol.

Dan il-kuntratt għas-servizz ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza is-Sur Johan Galea, u mill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS is-Sur Alfred Grixti. L-iffirmar sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar.