Imniedi proġett ta’ monitoraġġ tal-ibħra Maltin

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) nediet proġett li se jservi biex ikun hemm monitoraġġ tal-ibħra Maltin sabiex filwaqt li tinġabar informazzjoni dwar l-istat tal-baħar, jiġu indirizzati punti fejn hemm nuqqas t’għarfien.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ambjent, José Herrera, qal li r-riżultati ta’ dan il-proġett se jikkontribwixxu għall-immaniġġjar effettiv u għall-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar għall-benefiċċju tal-ambjent u tas-setturi marittimi kollha.
L-ERA wkoll se tkun tista’ tkompli taħdem sabiex jinkiseb Status Ambjentali tajjeb fl-ibħra Maltin.
Miraine Rizzo, uffiċjal tal-ERA u Project Leader, sostniet li l-ERA ħerqana li timplimenta dan il-proġett iffinanzjat mill-UE peress li se jitfa’ dawl fuq nuqqasijiet fl-għarfien li bħalissa qed jillimitaw il-kapaċità li jiġi mmaniġġjat b’mod effettiv l-ambjent marin.
Il-proġett, li se jieħu madwar sentejn biex jitlesta, mistenni jiswa €4 miljun, u parti minnu se jkun iffinanzjat mill-UE taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech