Imniedi proġett ta’ konservazzjoni tas-siġar tat-tin

Ġie mniedi proġett ta’ konservazzjoni tas-siġar tat-tin, li jinkludi programm ta’ riċerka, l-istabbiliment ta’ inventarju ta’ varjetajiet lokali, produzzjoni ta’ siġar tat-tin u programm ta’ edukazzjoni u informazzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja  Roderick Galdes ħabbar proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ siġar tat-tin biex id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti jibni inventarju ta’ dawn is-siġar.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li fl-2017 se jitqassmu madwar 3,000 siġra wara għażla tal-varjetajiet lokali ta’ siġar tat-tin. 
Dawn se jitqassmu mingħajr ħlas lill-produtturi li sofrew u rreġistraw telf ta’ siġar tat-tin f’dawn l-aħħar ħames snin.
Ir-reġistrazzjoni tas-siġar tat-tin tista’ ssir online jew permezz tal-freephone 80072310.
Ir-reġistrazzjoni hi bla ħlas.
Ritratt:DOI:Reuben Piscopo