Imniedi proġett pilota mmirat għas-saħħa mentali tal-ġenituri

Photo by: Unsplash

Tnieda proġett pilota li se jiffoka fuq is-saħħa mentali tal-ġenituri matul it-tqala kif ukoll fl-ewwel xhur tat-tarbija dan bħala parti mill- kampanja Trobbija Pożittiva fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal.

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li s-soċjetà tifhem aħjar x’inhuma dawk il-fatturi li jaffettwaw is-saħħa mentali tal-omm qabel u waqt li jkollha t-tfal. Għall-ewwel darba se jiġu screened ukoll missirijiet u Malta se tkun l-ewwel pajjiż li se tagħmel dan.

Dan tħabbar mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ġimgħa filgħodu. Il-Ministru Falzon saħaq li l-koppji se jingħataw għajnuna psikjatra u psikoloġika sabiex tkompli tingħata stabbiltà lit-tfal.

Falzon spjega li jekk il-proġett pilota jkun suċċess, se jsir mezz li jkun hemm allokazzjoni finanzjarja fit-tul sabiex ikun assigurat is-sostenn tas-servizz fit-tul. L-iscreening se jibda jsir fi ftit ġimgħat oħra mal-bidu tas-sena l-ġdida u l-midwives se jqassmu formoli fid-djar tal-ġenituri li għadu kemm kellhom tarbija.

Ruth Sciberras, Chairperson tat-taskforce ta’ Trobbija Pożittiva, qalet li l-istrateġija hija universali imma tagħti wkoll opportunità lil kull familja li taċċessa s-servizzi, u tara wkoll li jintlaħqu familji li ma jmorrux għas-servizzi huma.

Minn naħa tagħha, Profs. Angela Abela qalet li l-proġett pilota tal-perinatal huwa kollaborazzjoni bejn l-UoM Dipartiment tal-Istudju tal-Familja, il-professjonisti tal-perinatal, il-Ministeru għas-Saħħa u l-MSFC.

Prof. Abela semmiet wkoll li se jiġu screened ommijiet u missirijiet li jkunu qed jistennew tarbija u li jiġu identifikati li għandhom diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Se jiġu segwiti wkoll il-ġenituri meta tarbija jkollha 6 ġimgħat kemm f’dik li hi saħħa mentali tagħhom kif ukoll fir-relazzjoni ta’ bejniethom.

Se ssir anke analiżi tal-effettività tal-interventi provduti u kemm jiġu ffrankati spejjeż meta tingħata għajnuna bikrija u jekk il-proġett pilota jkun suċċess, jingħata fuq livell nazzjonali.