Imniedi l-Workshop Diġitali minn Google b’xejn lil kulħadd

Google nediet f’Malta l-Workshop Diġitali, li se jkun qed joffri taħriġ b’xejn lil kulħadd, bil-għan li jitnaqqas id-distakk diġitali.
Minkejja li ninsbau fl-era diġitali, huma bosta dawk li jsibu diffikultà jaħdmu f’ambjent diġitali. Dan tikkonfermah ukoll il-Kummissjoni Ewropea (KE), li rrimarkat kif 47% tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea (UE) mhix imħarrġa kif sippost fid-dinja diġitali. Wieħed irid iqis li fil-futur, kważi 90% tax-xogħlijiet se jkunu jeħtieġu xi livell ta’ ħila f’dal-qasam.
B’hekk, il-Google ħaseb li joħloq dil-pjattaforma f’Malta, li minnha jistgħu igawdu studenti, professjonisti, negozjanti żgħar u medji.
Dan is-servizz hu aċċessibbli għal kulħadd u f’kull ħin, u jkopri aktar minn 20 suġġett, ngħidu aħna kif tħaddem il-midja soċjali fil-marketing, u kif tattira lill-klijent billi tuża l-mowbajl biss. Dawn is-suġġetti se jkunu f’għamla ta’ lezzjonijiet ħfief li kulħadd jista’ jifhem.
Il-persuna tista’ tagħżel li tlesti suġġett, inkella jlestu l-kors sħiħ onlajn u ta’ dan jirċievu ċertifikat mingħand Google u IAB Europe.
Dal-Workshop Diġitali qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet u l-Fondazzjoni eSkills Malta.
Żur is-sit ta’ dan il-workshop biex tibda titgħallem minn issa.