Filmat: Imniedi l-proġett tal-lukanda ġdida ta’ Kemmuna

Mistenni jkun eżempju mill-aqwa ta’ sostenibbiltà ambjentali

Read in English.

Il-kumpanija Hili Ventures illum niedet proġett b’investiment ta’ bejn €110 u €120 miljun għall-lukanda u vilel ġodda fuq Kemmuna, proġett li mistenni jkun eżempju mill-aqwa ta’ sostenibbiltà ambjentali.

F’preżentazzjoni mogħtija lill-ġurnalisti sabiex ikun imħabbar dan il-proġett, il-perit responsabbli mill-proġett Antonio Belvedere u l-kumpanija Hili Ventures spjegaw fit-tul kif dan il-proġett qed jagħti l-ogħla importanza lill-aspett ta’ sostenibbiltà u responsabbiltà ambjentali billi jnaqqas il-volum ta’ bini, aspetti li se jkunu l-qalba ta’ dan il-progett. Spjegaw kif id-disinn, l-iżvilupp, il-materjali u l-arkitettura se jkunu qed jirrispettaw il-gżira u saħansitra jsebbħuha.

Il-perit Antonio Belvedere spjega kif dan il-proġett fuq Kemmuna se jkun qed iħaddan l-użu ta’ injam u ġebla naturali sabiex id-disinn kollu jiġi jaqbel mat-topografija u l-ġeoloġija naturali tal-gżira.

Huwa semma wkoll il-mod kif se jitnaqqas b’mod drastiku l-użu tad-dawl artifiċjali sabiex ikun rispettat l-abitat ta’ Kemmuna u jkun żgurat li kull min iżur il-gżira, jkun jista’ jgawdi d-dehra tas-sema bil-lejl.

Issa mistenni li jitwettaq Environmental Impact Assessment sabiex ikun stabbilit liema huma dawk iż-żoni speċifiċi li jridu jkunu mħarsa. Bħala parti minn dan il-proġett, se jitqabbdu wkoll konsulenti ekoloġiċi u marittimi matul il-proċess kollu sabiex jiżguraw li l-ambjent kollu jkun imħares, bħala parti mill-impenn tal-kumpanija li dan il-proġett ikun wieħed kollu kemm hu carbon neutral.

It-twaqqiegħ tal-istrutturi preżenti se jsir b’teknika apposta filwaqt li l-kostruzzjoni se tkun qed tutiliżża teknika fejn l-istrutturi ta’ l-injam se jkunu prefabrikati. Dan sabiex jigi mħares l-ambjent fl-abitat fuq l-art kif ukoll fil-baħar.

Dan it-tagħrif twassal minn HV Hospitality.