Imniedi l-proġett EBIZ għan-negozji żgħar u medji

Il-Ministru għall-Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona nieda l-korsijiet EBIZ, proġett edukattiv ġdid li huwa intiż biex jgħaddi l-għodda neċessarja lis-sidien tal-ħwienet, ta’ intrapriżi żgħar u medji kif ukoll lis-self employed.
Il-Ministru Cardona tkellem dwar l-importanza tal-SMEs f’pajjiżna u rrefera għal rapport riċenti tal-kummissjoni Ewropea li minnu jirriżulta li matul l-2015, l-SMEs f’Malta mistenija jiżdiedu b’1,500 filwaqt li l-impjiegi fis-settur se jiżdiedu b’4000.
Cardona qal li l-kummerċ elettroniku huwa wieħed mill-isfidi ewlenin li qed jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji.
Qal li n-negozjant Malti se jkun kapaċi jittrasforma u jaddatta n-negozju tiegħu għar-realtà diġitali.
Il-proġett EBIZ huwa ntiż biex jgħin lin-negozji Maltin jagħrfu li, permezz tal-ICT jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u jiksbu aċċess għal swieq akbar. 

Ritratt: DOI – Clifton Fenech