Imniedi l-proċess tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031

Ritratt: MHAL

Tnieda l-proċess bi tħejjija għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031 f’Malta. Dan tħabbar waqt seminar apposta fit-Teatru Manoel li indirizza lill-presidenti tar-reġjuni tal-kunsilli lokali u lil organizzazzjonijiet ġejjin minn reġjuni varji. Dan il-proċess ser jitmexxa mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.    

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera qal “Il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura huwa timbru ieħor ta’ eċċellenza importanti għal pajjiżna. Din bla ebda dubju hija opportunità biex pajjiżna jixpruna u jesebixxi t-talent lokali. Il-kultura tagħna bħala poplu hija l-mera tas-soċjetà u għalhekk qegħdin u rridu mhux biss nassiguraw li bl-ebda mod u fl-ebda ħin ma naraw l-industrija kreattiva tikkollassa minħabba s-sitwazzjoni preżenti, imma nkomplu nkattru u nsostnu din l-industrija hekk importanti għal pajjiżna”.

Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna, “Sodisfatti u kburin bl-esperjenza tagħna fl-2018, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għandha l-esperjenza kollha neċessarja biex tmexxi dan il-proċess u tara li jasal għand il-Kummissjoni Ewropea b’suċċess”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone qalet, “Hekk kif evidenzjat minn Valletta 2018, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura hija opportunità eċċellenti biex jiġu riġenerati l-ibliet filwaqt li tingħata spinta lit-turiżmu u jiġu pprovduti opportunitajiet tal-ogħla livell lill-artisti u lil persuni kreattivi”.

Wara Valletta 2018 Kapitali Ewropea tal-Kultura, belt fil-gżejjer Maltin ser ikollha dan it-titlu fl-2031 skont skeda maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. L-ewwel fażi lokali tal-proġett tistieden bliet biex jippreparaw u jissottomettu proposta lokali inizjali permezz ta’ espressjoni ta’ interess bejn Jannar u Marzu 2021.

Din l-inizjattiva hija ddisinjata biex taċċenna fuq ir-rikezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej; tiċċelebra l-karatteristiċi kulturali li naqsmu bħala Ewropej; iżżid is-sens ta’ appartenenza għal żona kulturali komuni u trawwem il-kontribut kulturali għall-iżvilupp tal-ibliet; dan skont il-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-Ewropa Kreattiva.

Il-proċess ta’ sottomissjonjiet inizjali qed ikun immexxi mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li kienet stabbilita bħala legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Parti mill-mandat tal-aġenzija skont AL 427 tal-2018, huwa li, “Tikkordina l-proċess ta’ offerti għat-titolu li jmiss ta’ Belt Kapitali tal-Kultura għall-gżejjer Maltin”.

Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura huwa titlu mogħti għal perjodu ta’ sena lil belt magħżula mill-Unjoni Ewropea, li matulha tingħata opportunità li tesebixxi l-ħajja kulturali u l-iżvilupp kulturali tagħha. Diversi bliet Ewropej użaw il-Kapitali tal-Kultura biex jitrasformaw kompletament il-bażi kulturali tagħhom u, filwaqt li jagħmlu dan, ibiddlu l-perċezzjoni tagħhom internazzjonalment.

Ritratt: MHAL

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.