Imniedi l-Kunsill Konsultattiv dwar drittijiet ċivili ta’ persuni LGBT

Il-Ministru għal-Libertajiet Ċivili Dr Helena Dalli, nediet il-Kunsill Konsultattiv li se jkun qed jagħti pariri u jressaq proposti u anke jipprepara abbozzi ta’ liġijiet dwar il-komunità LGBT.

Dan il-Kunsill twaqqaf wara li l-ġimgħa li-oħra tressaq quddiem il-Parlament abbozz biex jiġi emendat il-kodiċi ċivili biex persuni li għamlu operazzjoni biex ibiddlu s-sess tagħhom ikunu jistgħu jiżżewwġu l-persuna tas-sess oppost.

Il-Ministru Dalli ħabbret li l-Kunsill Konsultattiv se jkun kompost minn għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet ta’ persuni LGBT fosthom: il-Malta Gay Rights Movement (MGRM), il-grupp Kattoliku ‘Drachma’, l-għaqda tal-ġenituri ta’ persuni LGBT ‘Drachma Parents Support Group’, il-grupp ta’ student universitarji LGBT ‘We Are’, il-Fondazzjoni ADITUS, u LGBT Labour.

L-ewwel prijorità tal-Kunsill Konsultattiv se tkun li jipprepara abbozz ta’ liġi li permezz tagħha persuni tal-istess sess ikunu jistgħu jingħaqdu formalment f’unjoni civili. 

Aktar tard dan il-Kunsill se jkun qed jaħdem fuq abbozz ta’ liġi li tirregola l-identifikazzjoni tal-persuni trans-gender.

Il-Ministru qalet li l-gvern se jieħu miżuri biex jindirizza l-problema tal-fastidji u l-bullying fl-iskejjel u jiġġieled ir-reati ta’ mibgħeda.