Imniedi l-Karnival ta’ Għawdex 2016

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li l-Karnival tas-sena li għaddiet attira numru kbir ta’ Maltin u barranin lejn Għawdex.
Qal li l-Karnival spontanju tan-Nadur għal darb’oħra ġibed lejh għadd kbir ta’ żgħażagħ filwaqt li l-Karnival Reġjonali fir-Rabat kien hemm żieda sostanzjali fil-parteċipazzjoni ta’ karrijiet u kumpaniji taż-żfin.
Anton Refalo semma attivitajiet varji li saru f’Għawdex fosthom festivals ta’ mużika klassika, l-opri, kif ukoll bl-għajnuna tal-Arts Council Malta, għall-ewwel darba f’Għawdex il-prestazzjoni mill-isbaħ ta’ danza kontemporanja li taw Żfin Malta.
Il-Ministru qal li Għawdex hu lest biex bħalma jiġri ta’ kull sena, jilqa’ eluf ta’ Maltin u turisti li jagħżlu lill-Gżira għal żmien il-Karnival.
Il-Ministru Refalo rringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Gozo Channel, lill-pulizija u lil Transport Malta li huma kruċjali f’dan it-tmiem il-ġimgħa importanti.
Il-Ministru qal li dawn il-jiem tal-Karnival se jservu ta’okkażjoni biex wieħed jammira x-xogħlijiet ta’ restawr li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jagħmel fuq diversi monumenti u niċeċ reliġjuzi u postijiet storiċi, fosthom il-Banca Guiratale kif ukoll ir-restawr estensiv taċ-Ċittadella.

Ritratt: MGOZ- George Scerri