Imniedi l-ewwel Postgraduate għall-industrija tal-films

L-Università ta’ Malta nediet l-ewwel kors postgraduate li joffoka esklussivament fuq l-arti u l-industrija tal-films, bl-isem Master of Arts in Film Studies.
Il-Ministru responsabbli mill-industrija tal-films f’Malta, Edward Zammit Lewis, qal li hu kburi li qed jagħti kontribut finanzjarju biex din l-inizjattiva tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta tieħu l-ħajja.
Il-kors se jipprovdi bażi prattika u teoretika soda fl-aspetti kollha tal-industrija biex, min isegwih, ikun jista’ jkompli bl-istudji tiegħu iktar tard u jispeċjalizza f’xi qasam.
Edward Zammit Lewis spjega kif dan il-kors tfassal f’mument mill-iktar propizju. Semma kif Malta qed tattira dejjem iktar interess mill-industrija internazzjonali tal-films, u qed jiżdiedu l-artiġġjani u l-artisti Maltin imħarrġa biex jagħtu servizz lil din l-industrija. Qed tissaħħaħ ukoll l-industrija indiġena tal-films.
Il-Ministru spjega kif il-Gvern qed jaħdem biex films miġbuda f’Malta jibdew juru li hi fil-fatt Malta, waqt li spjega li bejn l-2014 u din is-sena, il-Malta Film Commission se tkun investiet b’madwar miljun ewro f’taħriġ għall-ħaddiema Maltin.
Fakkar li bħalissa qed titfassal l-ewwel politika nazzjonali għall-industrija tal-films f’Malta fejn il-Ministeru tat-Turiżmu għaddej bi proċess ta’ konsultazzjoni.