Imniedi l-abbozz tal-Att dwar l-Intrapriża Soċjali

Il-Ministeru għall-Ekonomija nieda l-abbozz tal-Att dwar l-Intrapriża Soċjali, bil-konsultazzjoni pubblika se tagħlaq fis-26 ta’ Lulju li ġej.
Il-liġi kif proposta tirregola u toħloq il-parametri kif intrapriżi ekonomiċi soċjali jerġgħu jinvestu l-profitti fl-intrapriża biex jilħqu miri soċjali.
L-abbozz jinsab fis-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriżi u n-Negozji ż-Żgħar.  
Il-Ministru Chris Cardona qal li l-intrapriżi soċjali jirrappreżentaw parti importanti tal-ekonomija.
Sostna li joħolqu bilanċ bejn is-suċċess finanzjarju iżda wkoll ix-xewqa li jkun hawn soċjetà aħjar.
Fakkar kif il-Kummissjoni Ewropea poġġet l-ekonomija soċjali fuq quddiem tal-aġenda tal-2020.
Madwar l-Ewropa hawn żewġ miljun intrapriża ekonomika soċjali li joffru x-xogħol lil 11-il miljun persuna.
Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern jappoġġja l-mudelli kummerċjali li l-għan tagħhom hu li jgħinu fit-titjib tal-ħajja ta’ persuni żvantaġġjati.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott