Imniedi l-10 festival tal-logħob tan-nar tal-art mekkanizzat

Tnediet l-għaxar edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat li se jsir fuq il-Fosos tal-Furjana nhar is-Sibt li ġej.
Fih se jikkompetu 12-il kamra tan-nar, fosthom tlett ikmamar tan-nar minn Għawdex, u kollha se jesibixxu żewġ biċċiet tan-nar kull wieħed.
Ir-rebbieħ tal-festival se jiġi magħżul minn ġurija magħmula minn tliet pirotekniċi mill-Ġermanja, mir-Renju Unit u mill-Olanda, u b’Chairman Malti – Michael Brockdorf.
Se jagħżlu lir-rebbieħ fuq tliet kategoriji – l-aħjar mekkaniżmu, l-aħjar prodotti użati, u l-iktar esibizzjoni oriġinali.
Il-pubbliku se jkollu wkoll il-possibiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu b’vot b’SMS, li madankollu ma jkollux x’jaqsam mal-vot finali.
F’każ li t-temp ma jippermettix, il-festival jiġi pospost għall-għada l-Ħadd inkella t-Tnejn filgħaxija.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Stefan Buontempo, qal li dan il-festival hu vetrina importanti lill-kmamar tan-nar Maltin u Għawdxin u fakkar kif il-Gvern qed jinvesti €250,000 għal attivitajiet lokali organizzati mill-kunsilli lokali.
Il-kmamar tan-nar li qed jieħdu sehem fil-festival din is-sena huma:
Għaqda tan-Nar Santa Margerita – Sannat, Għawdex
Kumpless tan-Nar 15 ta’ Awwissu – Rabat, Għawdex
Għaqda tan-Nar Maria Bambina – Mellieħa
Għaqda tan-Nar Fontana – Fontana, Għawdex
Kumpless tan-Nar San Pawl – Safi
Kumpless tan-Nar San Ġużepp – Żebbuġ
Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar – Birżebbuġa
Kumpless tan-Nar Madonna tal-Karmnu – Żurrieq
Kummissjoni Piroteknika Banda Żejtun – Żejtun
Kumpless tan-Nar San Bartilmew – Għargħur
Kumpless tan-Nar 15 ta’ Awwissu – Mosta
Kumpless tan-Nar San Leonardu – Kirkop