Imniedi fond u għajnuniet għal proġetti innovattivi fit-teknoloġija

L-Università ta’ Malta flimkien mal-Gvern nedew l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ TOSFA – TAKEOFF Seed Fund Award – li hu fond ta’ €100,000 li jiffinanzja proġetti innovattivi fit-teknoloġija biex iqarribhom lejn is-suq.
Il-proġett jagħti fondi inizjali biex jittejjeb il-mod kif titwassal teknoloġija, kif ukoll għajnuniet oħra fosthom konsulenza minn esperti, spazju fiċ-ċentru ta’ inkubazzjoni apposta, networking, taħriġ u servizzi oħra.
It-tim rebbieħ se jgawdi minn sigħat ta’ konsultazzjoni ma’ Mathieu Fivaz, l-imprenditur serjali tal-midja soċjali u reklamar diġitali.
Għat-tnedija kien hemm il-Ministru tal-Ekonomija, Chris Cardona, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, u r-Rettur-Elett tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella.
Iktar informazzjoni tinkiseb mis-sit elettroniku ddedikat lill-programm. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu fit-30 ta’ Mejju, f’nofsinhar.