Imniedi dokument dwar it-trobbija pożittiva għall-konsultazzjoni pubblika

Il-Ministru għall-Familja, Michael Farrugia nieda d-dokument dwar it-trobbija pożittiva għall-konsultazzjoni pubblika. 
Il-Ministru Farrugia fisser li permezz tat-trobbija pożittiva nifhmu li t-tfal ikunu imrobbija fl-għożża u fl-imħabba.
Dan ma jfissirx li t-tfal għandhom jitħallew jagħmlu li jridu imma li għandu jkollhom limitu u jkunu jafu x’jistgħu jagħmlu u ma jistgħux.
Spjega li l-Positive Parenting Policy se tiffoka fuq xibka sħiħa ta’ servizzi għat-tfal f’età bikrija u l-familji tagħhom sabiex insaħħu l-appoġġ lejn il-familji Maltin b’mod speċjali lejn il-familji vulnerabbli.
Il-Ministru Michael Farrugia semma numru ta’ servizzi li huma inkluzi f’dan id-dokument, fosthom it-tisħiħ tas-servizzi diġà eżistenti bħall-Parent Craft u l-Well Baby Clinic.
Ikun hemm servizz ta’ outreach offrut miċ-Child Care Centres fejn anki l-ġenituri jistgħu jaqsmu diffikultajiet ma’ dawk ta’ ġenituri oħra.
Jiġi offrut servizz ta’ programm terapewtiku fil-komunità biex jgħin tfal u adoloxxenti bi problemi ta’ mġieba.
Jinfetaħ Ċentru Nazzjonali li joffri servizzi ta’ adozzjoni u fostering, jissaħħaħ l-appoġġ li jingħata lil familji minn naħa tal-Qorti tal-Familja, jitwaqqaf Children’s Forum fl-iskejjel bíex it-tfal ikunu jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar it-trobbija.
Se jingħataw ukoll korsijiet dwar it-trobbija lill-ġenituri u anki korsijiet offruti lin-nanniet li qed ikollom parti integrali fit-trobbija tan-neputijiet tagħhom.
Il-Ministru Farrugia qal illi l-konsultazzjoni pubblika se tkun qed tinkorpora diversi laqgħat ma’ diversi entitajiet fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech